Description

mara li, taħt liġijiet nazzjonali, ma għandha l-ebda rabta legali ta' nazzjonalità ma' kwalunkwe stat

Additional notes and information

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni mingħajr Stat jindika li persuna li ma titqiesx awtomatikament bħala ċittadin/a skont il-liġijiet ta' kwalunkwe stat hija bla stat. Madankollu, minbarra dan l-istatus legali (apolidija de jure), ħafna nisa huma de facto mingħajr stat minħabba li ċ-ċittadinanza tagħhom hija prattikament inutli jew għaliex ma jistgħux jippruvaw jew jivverifikaw in-nazzjonalità tagħhom. Apolidija de facto hija kwistjoni partikolari għan-nisa, bħal nisa traffikati li setgħu kellhom id-dokumenti tagħhom ikkonfiskati jew misruqa, jew nisa migranti mingħajr dokumenti, inklużi dawk li jkunu qed ifittxu asil, li jistgħu wkoll ma jkunux kapaċi jippruvaw in-nazzjonalità tagħhom u jistgħu jkunu effettivament mingħajr stat. Il-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza jistgħu wkoll jiddiskriminaw b'mod dirett jew indirett kontra n-nisa u jesponuhom f'livell akbar mill-irġiel għar-riskju li jispiċċaw bla stat. L-apolidija tista' tirriżulta, pereżempju, minn ċaħda tal-kapaċità ta' mara li tittrażmetti n-nazzjonalità, minn telf ta' nazzjonalità minħabba ż-żwieġ tagħha lil barrani, mill-bidla tan-nazzjonalità ta' konjuġi waqt iż-żwieġ, jew minn ċaħda ta' nazzjonalità li tirriżulta minn prattiċi diskriminatorji. Ir-reġistrazzjoni tat-twelid hija wkoll marbuta mill-qrib mat-tgawdija min-nisa u t-tfal tagħhom tad-dritt għal ċittadinanza. Fil-prattika, id-diskriminazzjoni indiretta, il-prattiki kulturali u l-faqar ħafna drabi jagħmluha impossibbli għall-ommijiet, speċjalment ommijiet mhux miżżewġa, biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom fuq bażi ugwali bħal missierhom. In-nuqqas ta' reġistrazzjoni tat-twelid tat-tfal jista' jtellef jew jannulla ċ-ċans ta' tfal li jgawdu b'mod effettiv minn firxa ta' drittijiet, inkluż id-dritt għal ċittadinanza, għal isem u identità, għal ugwaljanza quddiem il-liġi u għal rikonoxximent ta' kapaċità ġuridika kif ukoll għal problemi biex jiksbu aċċess għal protezzjoni diplomatika, u detenzjoni fit-tul sakemm tiġi stabbilita l-prova tal-identità u n-nazzjonalità.