L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi – EIGE fil-qosor 2018
Dwar l-EIGE
Min aħna?
L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) huwa l-uniku aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tiffoka biss fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Permezz tal-ġabra sostanzjali ta’ riżorsi li diġà nġabru u ġew żviluppati, l-EIGE qiegħed isir iċ-ċentru ta’ għarfien tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.
X’nagħmlu?
Qegħdin naħdmu biex l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel issir realtà fl-UE u lil hinn, biex kulħadd ikun jista’ jkollu l-istess opportunitajiet fil-ħajja, irrispettivament mis-sess. Ir-riċerka tal-EIGE twitti t-triq għal fehim u sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f’kull qasam tal-ħajja.
Nidentifikaw il-lakuni bejn in-nisa u l-irġiel u niġbru u nanalizzaw id-data dwar l-inugwaljanzi bejn is-sessi. Permezz tal-informazzjoni prattika u bbażata fuq l-evidenza li nipprovdu, nappoġġjaw lil dawk li jfasslu l-politika biex l-Ewropa tinġieb eqreb lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u titjieb il-ħajja tan-nisa u tal-irġiel.
Għaliex l-ugwaljanza bejn is-sessi?
Minħabba l-inugwaljanzi sinifikanti li hemm bejn in-nisa u l-irġiel madwar l-UE, il-potenzjal kbir tan-nisa għadu mhuwiex qiegħed jiġi sfruttat. Jekk nixtiequ noħolqu Ewropa aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar magħquda, hemm bżonn li neliminaw dawn l-inugwaljanzi.
L-ugwaljanza ġġib it-tkabbir
Titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE jista’ jiġġenera sa 10.5 miljun impjieg addizzjonali sal-2050! Dan jista’ jwassal għal żieda fir-rata tal-impjieg li tlaħħaq kważi t-80 % u żieda ta’ 10 % addizzjonali fil-prodott domestiku gross (PDG) ras għal ras tal-UE sal-2050. Dawn l-istimi huma bbażati fuq ir-riċerka tagħna.
L-EIGE huwa ddedikat għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Nikkontribwixxu b’diversi modi. Ara kif!
L-INDIĊI TAL-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI: Il-progress kajman tal-UE
Fl-2017 ippubblikajna t-tielet edizzjoni tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tagħna. Hija għodda ta’ kejl unika li ġiet żviluppata mill-EIGE.
Il-punteġġi individwali mogħtija lil kull Stat Membru u lill-UE b’mod globali jiffaċilitaw it-tqabbil tal-ugwaljanza bejn is-sessi bejn il-pajjiżi.
Matul l-għaxar snin bejn l-2005 u l-2015, l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UE tjiebet b’4 punti biss. B’66.2 punt għall-UE bħala entità sħiħa u punteġġi tal-pajjiż individwali li jvarjaw bejn 82.6 (l-Iżvezja) u 50 (il-Greċja) hemm ħafna lok għal titjib.
Is-sitt dominji ewlenin tal-Indiċi huma Il-Poter, Il-Ħin, L-Għarfien, Is-Saħħa, Il-Flus u X-Xogħol. Id-Dominju tal-Poter jibqa’ dak bl-aktar punteġġ baxx (48.5) għall-UE għalkemm ipprogressa bl-aktar rata mgħaġġla. Id-Dominju tal-Ħin huwa l-uniku wieħed li l-punteġġ tiegħu naqas fuq perjodu ta’ 10 snin u issa huwa ta’ 65.7. Dan ifisser li l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-użu tal-ħin għax-xogħol tad-dar u għal attivitajiet ta’ indukrar jew soċjali qed jikbru.
Il-karatteristika unika tat-tielet edizzjoni tal-Indiċi hija approċċ inkroċjat, li juri kif l-età, l-edukazzjoni, it-tip ta’ familja, il-pajjiż tat-twelid jew id-diżabilità taffettwa persuna b’modi differenti skont jekk din tkunx mara jew raġel.
Esplora: https://eige.europa.eu/gender-equality-index
Pubblikazzjonijiet tal-EIGE
- L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017: Il-kejl tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea (2017)
- L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017: Rapport Metodoloġiku (2017)
- L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2017: Sejbiet ewlenin (2017)
Punti prinċipali riċenti
Fil-lingwa tiegħek: analiżi tal-pajjiżi
Il-prestazzjoni ta’ ċerti pajjiżi hija aħjar minn ta’ oħrajn fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Hemm diversi raġunijiet għal din id-differenza. Biex insaħħu l-appoġġ tagħna lill-Istati Membri fit-tfassil tal-politika nazzjonali tagħhom, ħejjejna skedi informattivi speċifiċi għal kull pajjiż abbażi tar-riżultati tal-Indiċi.
It-28 Stat Membru jistgħu jsibu l-profili tagħhom fil-lingwa nazzjonali tagħhom.
Agħti titwila lis-sit web tagħna!
Kemm hija prevalenti l-vjolenza fuq in-nisa?
- 27.5— huwa l-punteġġ li juri kif l-UE tikklassifika f’dak li għandu x’jaqsam mal-vjolenza fuq in-nisa (fuq skala minn 1 sa 100).
- Għal dan id-dominju, li huwa wkoll parti mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, aktar ma jkun għoli l-punteġġ, aktar ikun serju l-fenomenu tal-vjolenza fuq in-nisa. Dan il-punteġġ juri li l-vjolenza hija prevalenti, severa u sottorapportata. Aħna nibbażaw il-qafas ta’ kejl fuq tliet saffi — miżura komposta, indikaturi addizzjonali u fatturi kuntestwali.
- Din l-għodda tista’ tgħin lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw ċerti forom ta’ vjolenza fuq in-nisa ladarba jkunu rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Pubblikazzjoni tal-EIGE
Min huma l-aktar vulnerabbli?
Il-vulnerabilità mhijiex kwistjoni ta’ sess biss. Pereżempju, l-esperjenzi ta’ ġenituri waħedhom huma differenti minn dawk tal-koppji. Minbarra s-sess, l-età, il-livell ta’ edukazzjoni, id-diżabilità, ir-residenza f’pajjiż differenti minn dak fejn wieħed ikun twieled huma kollha fatturi li jinfluwenzaw l-esperjenzi tal-ħajja tagħna.
Fl-aħħar edizzjoni tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE eżaminajna dawn id-differenzi aktar mill-qrib. Tista’ taqsam l-indikaturi tad-dominji kollha f’inugwaljanzi inkroċjati fl-interfaċċa online tal-Indiċi tagħna. Rapport sħiħ dwar l-inugwaljanzi inkroċjati ser jiġi ppubblikat fl-2018.
Pubblikazzjonijiet tal-EIGE
- L-ugwaljanza bejn is-sessi trid tilħaq lil kulħadd: l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diżabilità (2018)
- Inugwaljanzi inkroċjati (2018)
L-INTEGRAZZJONI TA’ KWISTJONIJIET TA’ UGWALJANZA BEJN IS-SESSI: Il-ġeneru huwa dejjem rilevanti
Għandek xi dubju jekk l-ugwaljanza bejn is-sessi hijiex importanti fil-qasam tax-xogħol tiegħek? Iva hija, u nistgħu ngħinuk tara kif.
Fil-pjattaforma tagħna dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, nenfasizzaw ir-rilevanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi 19-il qasam politiku, li jvarjaw mis-sajd għall-kultura. Hawnhekk tista’ ssib ir-rakkomandazzjonijiet tagħna dwar l-aħjar modi kif l-aspett tas-sess jiġi integrat f’dawn l-oqsma.
L-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi tista’ tidher bħala kunċett astratt, iżda aħna żviluppajna formola li tgħin. Uża l-għodod tagħna waqt it-tħejjija, it-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki, tal-miżuri regolatorji u tal-baġit ta’ programmi ta’ nfiq. Dawn jgħinu lill-organizzazzjoni tiegħek ssir waħda b’aktar ugwaljanza bejn is-sessi.
M’intix responsabbli għat-tfassil tal-politika? Kull membru tas-soċjetà jeħtieġ li jkun jaf dwarhom: agħtihom titwila!
Esplora: https://eige.europa.eu/gender-mainstreaming
Pubblikazzjoni tal-EIGE
Il-parlament tiegħek huwa sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi?
L-għodda l-ġdida online tagħna tgħinek tiskopri dan. Il-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE jistgħu jużaw l-għodda biex jidentifikaw il-punti pożittivi u n-nuqqasijiet tagħhom fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Fost l-Istati Membri, in-nisa jirrappreżentaw inqas minn terz tal-membri parlamentari. Dan ma jikkontribwixxix għal teħid ta’ deċiżjonijiet ibbilanċjati mil-lat ta’ sess. Dan huwa ta’ tħassib għas-soċjetajiet demokratiċi.
L-għodda għandha wkoll verżjoni ġenerali, li hija disponibbli għal kulħadd.
Agħti titwila lis-sit web tagħna.
Ibbaġitjar sensittivi għal kwistjonijiet ta’ ġeneru
Sabiex jinkiseb benefiċċju sħiħ mill-ugwaljanza bejn is-sessi, il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun fil-qalba tat-tfassil tal-politika. Dan japplika wkoll għall-ippjanar tal-baġit.
Kif nistgħu niżguraw li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw b’mod ugwali mill-flejjes pubbliċi? L-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru jgħin biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nisa u tal-irġiel meta jiġu allokati r-riżorsi pubbliċi. Il-pjattaforma tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi tagħna tista’ tgħinek tippjana u timplimenta baġits inklussivi.
Fl-2018, ser inkunu qed naħdmu fuq għodda ta’ bbaġitjar għal kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi għall-Unjoni Ewropea biex inżommu rendikont tal-infiq relatat mal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Qed inħarsu wkoll lejn modi kif nikkoordinaw inizjattivi favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li huma appoġġjati mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali appoġġ.
Pubblikazzjoni tal-EIGE
L-għodda GEAR: issa fil-lingwa tiegħek!
L-istatistika turi li l-irġiel għadhom jiddominaw is-settur tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, żviluppajna għodda online — L-Ugwaljanza bejn is-Sessi f’Organizzazzjonijiet Akkademiċi u ta’ Riċerka, jew ‘GEAR’.
L-għodda toffri informazzjoni u gwida dwar kif l-istituzzjonijiet ta’ riċerka jistgħu jiksbu aktar bilanċ bejn is-sessi. Issa tista’ tuża l-għodda fil-lingwa tiegħek! Bħalissa, fuq is-sit web tagħna wieħed jista’ jsib il-verżjonijiet lingwistiċi fi 23 lingwa tal-UE.
Agħti titwila lis-sit web tagħna: L-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi — Sett ta’ għodod
Pubblikazzjoni tal-EIGE
- Bidla strutturali fil-qasam tar-riċerka (2017) (fi 23 lingwa tal-UE)
IL-VJOLENZA ABBAŻI TAS-SESS: Kawża u konsegwenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi
Il-vjolenza fuq in-nisa hija kemm kawża u konsegwenza tal-inugwaljanza bejn is-sessi. Parti importanti mill-ħidma tagħna huwa li nipprovdu riżorsi sabiex din tintemm.
Il-ħidma tal-EIGE tiffoka fuq ir-riċerka, l-istatistika, u l-għarfien espert biex ngħinu biex tiġi mifhuma l-problema u l-mod kif taffettwa s-soċjetajiet tagħna. Permezz ta’ ħidma konġunta mal-istituzzjonijiet u mal-Istati Membri tal-UE, nistgħu noħolqu sinerġiji aħjar u nkunu aktar effiċjenti fl-isforzi tagħna biex tiġi eradikata l-vjolenza.
Esplora: https://eige.europa.eu/gender-based-violence
Punti prinċipali riċenti
Definizzjonijiet u ġbir ta’ data
Definizzjonijiet differenti u metodi differenti ta’ ġbir tad-data jagħmluha diffiċli biex tinġabar statistika affidabbli u komparabbli dwar il-vjolenza domestika fl-UE.
Għaliex għandna bżonn data aħjar?
Data affidabbli u komparabbli hija essenzjali sabiex:
- Nifhmu l-kamp ta’ applikazzjoni sħiħ tal-vjolenza
- Nifhmu l-konsegwenzi
- Nivvalutaw l-effikaċja tal-politiki għall-ġlieda kontra l-vjolenza
- Nimmonitorjaw u ntejbu r-rispons mis-settur tal-pulizija u dak ġudizzjarju
- Isservi ta’ bażi għat-tfassil tal-politika
Ħdimna flimkien mal-Istati Membri biex niżviluppaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi dwar kif jistgħu jtejbu l-ġbir tad-data u r-rapportar tagħhom.
Pubblikazzjoni tal-EIGE
- Ġbir ta’ data dwar il-vjolenza domestika mis-settur tal-pulizija u dak ġudizzjarju (2018) (skedi informattivi speċifiċi għall-pajjiżi)
Protezzjoni effettiva tal-vittmi
Is-sensibilizzazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi hija importanti ħafna fil-leġiżlazzjoni. Għalhekk, analizzajna d-Direttiva Kontra t-Traffikar u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tal-UE billi ħadna inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-bniet ittraffikati għall-isfruttament sesswali.
Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jiffokaw fuq il-mezzi li jagħmluha aktar faċli għall-vittmi biex jaċċessaw id-drittijiet tagħhom. Biex dan jintlaħaq, l-implimentazzjoni tad-direttivi għandha tkun sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi.
Pubblikazzjoni tal-EIGE
Il-mutilazzjoni ġenitali femminili: problema għall-UE
L-EIGE wettqet studju biex tinkiseb stima tal-għadd ta’ bniet f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili (FGM) fil-Belġju, fil-Greċja, fi Franza, fl-Italja, f’Ċipru, u f’Malta. Din il-prattika ta’ ħsara għandha ħafna konsegwenzi dejjiema u tista’ saħansitra tkun fatali.
Ir-riċerka tagħna turi li liġijiet b’saħħithom u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni huma fatturi deterrenti qawwija. Madankollu, is-sempliċi fatt li jkun hemm liġi fis-seħħ mhuwiex biżżejjed. Huwa vitali li l-persuni li jimplimentaw il-liġi jingħataw it-taħriġ, flimkien ma’ sensibilizzazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni fost il-komunitajiet involuti.
Fir-rapport preċedenti tagħna, ħarisna lejn l-għadd ta’ bniet f’riskju fl-Irlanda, fil-Portugall u fl-Iżvezja.
Pubblikazzjonijiet tal-EIGE
- Stima ta’ bniet f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea: Il-Belġju, il-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru u Malta (2018)
- Stima tal-bniet f’riskju ta’ mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea (2015)
Il-vjolenza ċibernetika: theddida reali
It-tħassib dwar il-vjolenza ċibernetika kulma jmur dejjem jikber, speċjalment fir-rigward tan-nisa u l-bniet. Ħafna drabi dawn jisfaw fil-mira ta’ forom serji ta’ abbuż fuq l-internet.
Ir-rapport tagħna dwar il-vjolenza ċibernetika jenfasizza l-ħtieġa għal aktar informazzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal dawk li jfasslu l-politika dwar kif għandhom jindirizzaw din il-forma emerġenti ta’ vjolenza. Pereżempju, reazzjonijiet politiċi aħjar, sforzi aktar b’saħħithom ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi għall-pulizija.
Pubblikazzjoni tal-EIGE
IL-PJATTAFORMA TA’ AZZJONI TA’ BEIJING: Il-ħidma tagħna biex insostnu t-teħid ta’ deċiżjonijiet
L-EIGE għandu rwol importanti fil-monitoraġġ tal-progress tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea.
Kull sena l-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE jista’ jitlobna neżaminaw aktar mill-qrib wieħed mit-12-il qasam tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing. Abbażi tar-riċerka tagħna, il-Presidenza tagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ politika għall-qasam magħżul.
Il-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Beijing hija impenn globali għall-emanċipazzjoni tan-nisa, li ġiet adottata waqt ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fl-1995. Aħna nappoġġjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fil-monitoraġġ ta’ dan l-impenn internazzjonali.
Esplora: https://eige.europa.eu/beijing-platform-for-action
Punti prinċipali riċenti
Is-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol
Din il-frażi tinstema’ familjari: is-subien huma aħjar fil-matematika u l-bniet huma aktar tajbin għall-indukrar? Sterjotipi b’saħħithom u fil-fond isaħħu l-inugwaljanza bejn is-sessi u huma ostaklu għat-tkabbir ekonomiku. Ir-riċerka tagħna tissuġġerixxi tendenza li l-bniet u s-subien jagħżlu suġġetti skont ir-rwoli tradizzjonali tas-sessi.
Fl-2014, 26 % biss tal-impjegati fis-settur tal-edukazzjoni, tas-saħħa u dak soċjali kienu rġiel. Fl-okkupazzjonijiet fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika, 14 % biss kienu nisa. Matul l-aħħar għaxar snin ftit rajna titjib.
Fl-informatika, fil-komunikazzjoni u fit-teknoloġija (ICT), 17 % biss tal-impjegati huma nisa. Minħabba n-nuqqas ġenerali ta’ ħaddiema b’ħiliet fil-qasam tal-ICT u dawk diġitali, din hija problema reali għall-Ewropa. Bħalissa fl-UE, ftit li xejn issib adolexxenti femminili li jikkunsidraw futur fit-teknoloġija. Dan huwa prinċipalment minħabba l-isterjotipar. Fir-rapport tagħna dwar in-nisa u l-irġiel fl-ICT, ikkonċentrajna fuq modi kif jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal tan-nisa f’dan is-settur li qiegħed jikber.
Żviluppajna wkoll sett tal-aħjar prattiki dwar kif in-nisa jistgħu jiġu mħajra jidħlu fis-settur tal-ICT u jingħataw l-għajnuna biex jiżviluppaw il-karrieri tagħhom permezz ta’ opportunitajiet li joffru bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata. Hemm ukoll għodda disponibbli li toffri rakkomandazzjonijiet u soluzzjonijiet possibbli għall-kumpaniji fis-settur tal-ICT. Esploraha u użaha!
Pubblikazzjonijiet tal-EIGE
- Is-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni u fl-impjiegi (2018)
- Is-segregazzjoni tas-sessi fl-edukazzjoni (2018) (skeda informattiva)
- L-impjiegi fl-UE: in-nisa u l-irġiel fi truf opposti(2017) (skeda informattiva)
- In-nisa u l-irġiel fl-ICT: opportunità għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (2018)
In-nisa u l-irġiel fid-dinja diġitali
Id-dinja diġitali tipprovdi opportunitajiet differenti kif ukoll riskji għaż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jvarjaw għall-bniet u għas-subien.
Ir-riċerka l-ġdida tagħna ser tgħin biex jinkiseb fehim dwar ir-relazzjonijiet kumplessi li hemm bejn is-sessi u d-dinja diġitali. Se nħarsu lejn diversi xejriet diġitali li jvarjaw minn metodi ġodda ta’ involviment soċjali u politiku għal riskji, bħall-umiljar u r-ridikolar ta’ persuni minħabba karatteristiċi fiżiċi, il-messaġġi sesswali, il-vjolenza ċibernetika, ir-radikalizzazzjoni u l-aħbarijiet foloz.
Ir-riżultati ta’ dan l-istudju ħerġin fl-2018. Agħti titwila lis-sit web tagħna!
Pubblikazzjonijiet tal-EIGE
- Iż-żgħażagħ, id-diġitalizzazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi (2018) (imminenti)
- L-ugwaljanza bejn is-sessi u ż-żgħażagħ: l-opportunitajiet u r-riskji tad-diġitalizzazzjoni (2018) (skeda informattiva)
- L-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea(2018) (skeda informattiva)
Lil hinn mill-UE
It-tisħiħ tar-rabtiet mal-pajjiżi kandidati tal-UE
L-EIGE beda’ r-raba’ proġett tiegħu mal-Balkani tal-Punent u mat-Turkija fil-mixja komuni tagħna lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-attenzjoni tagħna hija fuq it-titjib tal-monitoraġġ tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ordni pubblika, fil-leġiżlazzjoni u fil-prattika.
Din is-sena, l-EIGE qed jgħin bl-iżvilupp ta’ indiċi nazzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-reġjun. Fit-triq tagħhom lejn sħubija fl-UE, il-kandidati u l-kandidati potenzjali tal-UE jridu jiżguraw li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkorporata fit-tfassil tal-politika.
B’liema modi oħra nikkontribwixxu?
Nipprovdu data faċilment aċċessibbli
Kemm hemm nisa membri fuq il-bord tax-xandir pubbliku fil-Portugall? X’inhu l-bilanċ tan-nisa u tal-irġiel fuq il-kumitati relatati mal-ambjent fil-Parlament Ewropew? Kemm hija kbira l-popolazzjoni tan-nisa meta mqabbla ma’ dik tal-irġiel fil-Polonja?
Il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar is-Sessi tal-EIGE hija ċentru għall-informazzjoni statistika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi madwar l-UE kollha. Iġġib flimkien data f’għodda interattiva unika u li faċli tintuża. Esplora l-bażi tad-data u islet l-informazzjoni li teħtieġ minn angoli differenti. Il-bażi tad-data tagħna tiġi aġġornata kontinwament.
Esplora: https://eige.europa.eu/gender-statistics/dgs
Ngħinu lill-Ewropa tikkomunika
M’intix ċert liema terminu għandek tuża? Il-glossarju u t-teżawru online tal-EIGE jipprovdu definizzjonijiet preċiżi u aġġornati ta’ termini ewlenin relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi. B’dan il-mod nikkontribwixxu għal fehim komuni madwar l-UE kollha.
Titlifx l-ewwel verżjonijiet lingwistiċi disponibbli bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Litwan fuq is-sit web tagħna. It-traduzzjonijiet kollha ser ikunu disponibbli sal-2020.
Il-glossarju tagħna jevolvi u jinbidel kontinwament, l-istess bħal-lingwa. Ipproponi l-aġġornamenti tiegħek u għinu jikber.
Esplora: https://eige.europa.eu/thesaurus
Nagħtu aċċess għal riżorsi vasti
B’aktar minn 500 000 riżorsa, iċ-Ċentru tar-Riżorsi u tad-Dokumentazzjoni (RDC) tal-EIGE huwa punt uniku ta’ għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Aċċessa l-ġabra tagħna ta’ dokumenti ta’ politika, kotba, artikli, studji, bażi tad-data speċjalizzati u ħafna aktar.
Aħna naħdmu ma’ ċentri Ewropej ewlenin ta’ dokumentazzjoni u ta’ informazzjoni li jispeċjalizzaw fl-ugwaljanza bejn is-sessi biex nipprovdu dan is-servizz.
Ħafna minn dawn ir-riżorsi mhumiex disponibbli f’libreriji pubbliċi oħrajn.
Esplora: https://eige.europa.eu/library/about
Inlaqqgħu flimkien l-esperti u d-dilettanti
Jekk qed tfittex persuni ma’ min tiddiskuti jew jekk tixtieq tippromwovi x-xogħol tiegħek — EuroGender huwa l-post fejn għandek tkun.
Il-pjattaforma online tal-EIGE hija mod eċċellenti kif issib u taqsam l-għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Meta tirreġistra, tkun tista’ tagħmel kuntatt ma’ dawk li jfasslu l-politika, ma’ esperti u ma’ organizzazzjonijiet attivi f’dan il-qasam minn madwar l-UE. Itlobhom jagħtuk il-parir tagħhom u aqsam l-opinjoni tiegħek.
Ingħaqad magħna: http://eurogender.eige.europa.eu
Kompli segwina biex ma titlifx aktar riċerka u rapporti interessanti li l-EIGE dalwaqt jippubblika.
Il-Kampanja White Ribbon
Antonio Tajani
President tal-Parlament Ewropew, tal-Unjoni Ewropea
Il-ġlieda għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa hija ġlieda li fiha kull wieħed u waħda minna għandna nipparteċipaw. Huwa d-dmir tagħna li niddefendu n-nisa billi noħolqu sensibilizzazzjoni dwar din l-inġustizzja.
Il-vjolenza fuq in-nisa hija msejsa fuq l-inugwaljanzi bejn is-sessi. Teżisti wkoll għaliex, ħafna drabi, aħna, bħala soċjetà u bħala individwi, inħalluha tkompli għaddejja mingħajr kas ta’ xejn.
Il-Kampanja White Ribbon hija l-akbar kampanja fid-dinja li tinvolvi lill-irġiel fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa. Irġiel libsin żigarella bajda jiddikjaraw li qatt mhuma se jwettqu, jittolleraw jew jibqgħu siekta dwar il-vjolenza fuq in-nisa.
Nistednuk tieħu azzjoni:
- Tgħallem dwar il-vjolenza u t-theddid li n-nisa jiffaċċjaw mill-irġiel.
- Sfida l-lingwa u ċ-ċajt sessisti fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola u fil-familja tiegħek.
- Eżamina kif l-attitudnijiet u l-imġiba tiegħek stess jistgħu jikkontribwixxu għall-problema.
- Kun mudell eżemplari għas-subien. Uri li l-fatt li tkun raġel ma jfissirx li tista’ tikkontrolla jew tiddomina lill-oħrajn.
- Għid lill-ħbieb u lill-familja tiegħek dwar il-kampanja.
- Oħloq sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza fuq in-nisa fuq il-post tax-xogħol jew fl-iskola tiegħek.
Ħu azzjoni issa — issieħeb mal-lista ta’ ambaxxaturi tagħna: https://eige.europa.eu/gender-based-violence/white-ribbon
Ejjew nitkellmu
L-EIGE huwa dejjem ħerqan biex jaqsam l-aħbarijiet u jilħaq udjenzi usa’. Żomm ruħek aġġornat mal-attivitajiet kollha onlajn tal-EIGE permezz tas-sit web tagħna, kif ukoll permezz ta’ kanali oħra ta’ komunikazzjoni tagħna.
Il-pubblikazzjonijiet kollha tagħna huma disponibbli fuq is-sit web tal-Istitut, permezz taċ-Ċentru ta’ Riżorsi u Dokumentazzjoni (RDC) tiegħu u fil-Ħanut tal-kotba tal-UE.
Id-dħul għall-RDC jinsab fil-pjan terran tal-uffiċċji tagħna f’Vilnius, f’Vilniaus Gatvė 10. L-RDC jiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9:30 sas-13:00 u mis-13:30 sas-18:00.
Għal finijiet ta’ riċerka u informazzjoni dettaljata, tista’ żżur il-librerija speċjalizzata tagħna fir-raba’ sular. Għal aktar informazzjoni jew biex tagħmel appuntament, jekk jogħġbok ikkuntattja l-RDC fuq rdc@eige.europa.eu
Bl-istess mod, jekk ikollok xi mistoqsijiet, tiddejjaqx tikkuntattjana!
Biex iżomm ruħek aġġornat mal-aħbarijiet u mal-avvenimenti, abbona għall-bullettin tal-EIGE